Fratellanza

Artal

Il-Fratellanza tas-SSmu Rużarju tal-Gudja tmur lura bosta snin u infatti hija l- eqdem fratellanza tar-Rużarju f’Malta (AD 1588). Il-bolla tal-Fratellanza tikkonferma dan u din tinsab fis-sangristija tal-Knisja Arċipretali u Arċimattriċi tal-Ġudja. Barra minn hekk il-Fratellanza tas-SSmu Rużarju hija wkoll it-tieni l- eqdem Fratellanza ta’ Malta wara dik tas-SSmu Sagrament. Il-Fratellanza tas- SSmu Rużarju hija mogħnija b’ħafna opri prezzjużi fosthom żewġ lampieri tal- fidda, diversi settijiet ta’ lanterni u slaleb tal-fidda, metal u kartapesta, numru ta’ gandlieri u ventartali li jintramaw kemm fil-Festa titulari ta’ Santa Marija kif ukoll għall-Festa tal-Madonna tar-Rużarju, kif ukoll bosta privileġġi oħra li jinkludu l-ħatra tal-pussess tal-Arċipriet minn fuq l-artal tar-Rużarju.

L-artal u li jinsab fil-kappellun iddedikat lill-Madonna tar-Rużarju fil-Knisja Arċipretali u Arċimattriċi tal-Ġudja huwa xogħol tal-irħam mill-isbaħ li partijiet minnu ittellgħu minn Bir Miftuħ meta din ġiet mibnija f’1656. F’dan il-kwadru, aktarx xogħol ta’ Ġużeppi Salerno, flimkien ma’ San Duminku, Santa Katerina u San Nikola jidher ukoll il-megalo martri San Ġorġ. Dan jikkonferma ftehim li jidher li kien sar bejn il-Fratellanza ta’ San Ġorġ u dik tal-Madonna tar-Rużarju fil-proċess tat-trasferiment minn Bir Miftuħ għall-knisja l-ġdida li għandna llum. Il-ventartal tal-artal tal-Madonna tar-Rużarju huwa xogħol l-artist Manwel Buhaġar u jakkumpanjawh wieħed jista’ japprezza wkoll terħa li hija waħda mill-ifjen eżempji ta’ xogħol tar-rakmu fi ġżiritna.

Madonna fuq il-Pedestal

L-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju li nsibu illum mhijiex l-unika waħda li ntużat. Qabilha kien hemm l-istatwa l-antika li lum tinsab fil-kappella tal- Lunzjata. Din l-istatwa hija xogħol fl-injam maħduma minn Anton Chircop f’1851 u kienet toħrog tlett darbiet fis-sena, għall-festa ta’ Santa Marija, għall- festa tal-Warda, kif ukoll għall-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Fl-1921 inbeda ix-xogħol fuq l-istatwa artistikali li għandna lum. Din saret mill-istatwarju Gudjan Angelo Dalli u li hija eżempju tipiku ta’ xogħol fin fil-kartapesta. Dan ix-xogħol sewwa s-somma ta’ għaxar liri. Fl-1922 iddaħlet għall-ewwel darba fil-pjazza tar-raħal fost il-ferħ u l-entużjażmu tal-partitarji Riżurjanti. Aktar tard saru l-bradella u l-pedistall li, bħal ventartal, huma wkoll maħduma fuq disinn ta Manuel Buhagiar. Ix-xogħol ġie maħdum minn ibnu Toni Buhagiar.